Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-Mellieħa 2008-2011

 

Servizz lill-poplu

Kunsill immexxi minn maġġoranza ta’ kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista iżomm bħala l-għan ewlieni tiegħu: is-servizz lill-poplu - permezz ta’ l-edukazzjoni, indafa, aktar toroq tajba u aċċessibbli, tmexxija aħjar tat-traffiku, koperazzjoni mal-komunita’ kummerċjali, aktar ħidma soċjali u kulturali għaż-żgħażagħ u r-residenti kollha, kif ukoll aktar ħidma fil-kura ta’ l-anzjani. Kunsill Lokali b'maġġoranza ta' kunsillieri eletti f'isem il-Partit Nazzjonalista, jaħdem biex jintlaħqu l-miri u l-aspirazzjonijiet tar-residenti tal-Mellieħa, il-Manikata u l-inħawi kollha tagħhom.

Ambjent

Il-kunsill jagħmel ħiltu kollha biex l-ambjent kif ukoll il-karatteristiċi Melliħin ikomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli. ll-kunsill ikompli jagħti l-appoġġ tiegħu lill-individwi, għaqdiet ambjentali u għaqdiet oħra li bil-ħidma tagħhom jagħtu sehemhom biex il-karatteristiċi tal-Mellieħa jkunu konservati bl-aħjar mod possibli.

 

Tindif

Jissaħħaħ il-programm ta’ tindif fir-raħal u l-madwar kif ukoll il-ġbir ta' skart kemm dak domestiku kif ukoll dak goff. Jiżdiedu l-bring-in-sites fejn jiġi separat l-iskart domestiku li jista’ jkun depożitat f’dawn is-siti. Inħeġġu l-edukazzjoni tas-separazzjoni ta’ l-iskart u ngħinu fil-kampanji ta’ tindif li jkunu organizzati matul is-sena mill-għaqdiet ambjentali kemm nazzjonali kif ukoll dawk lokali.  

Infrastruttura

Il-kunsill ikompli jsaħħah il-Mellieħa bi proġetti infrastrutturali. Ikompli x-xogħol ta' kisi bit-tarmak fit-toroq tal-Mellieħa li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill u jara li jitlestew it-toroq kollha li għad ma ngħatawx it-tarmak. Kunsill Nazzjonalista jaħdem flimkien mal-Gvern biex il-ftit toroq li baqa’ fil-Mellieħa jinbnew mill-ġdid għal benefiċċju tar-residenti li joqgħodu fihom. It-turġien li huma karatteristika tal-Mellieħa jingħataw aktar ħajja billi jkunu trasformati f’ġonna żgħar u jitħawwlu arbuxelli u fjuri li jistgħu jagħtu dehra isbaħ lir-raħal tagħna. Il-Kunsill jaħdem biex ikun hemm aċċessibilita’ aħjar lejn u mill-Mellieħa. It-triq li tagħti lejn il-Manikata ngħatat t-tarmak mill-Gvern, għalhekk issir ħidma biex tinfetaħ biċċa triq oħra li biha jkun evitat ħafna traffiku ġol-Manikata. Naħdmu ukoll biex jitwessgħu biċċiet dojoq li hemm fit-triq tal-Miżieb biex din it-triq tkun tista tintuża aktar u tkun ukoll alternattiva għat-triq tax-Xemxija. Kunsill immexxi mill-Partit Nazzjonalista jaħdem mal-Gvern biex il-pont tal-Mistra jkun mibni mill-ġdid.

 

Il-kunsill għandu jaħdem flimkien mal-komunita’ kummerċjali biex ikun identifikat post fejn jista’ jsir parkeġġ għal sigħat twal, b’hekk tinqata’ l-konfużjoni u konġestjoni li jkun hemm fi Triq Ġorġ Borg Olivier u Triq il-Kbira matul il-ġurnata waqt li l-parking f’dawn iż-żewġ toroq ikun kontrollat aktar u għal ħinijiet qosra. Isir proġett ta’ parkeġġ fl-Għadira waqt li jsir titjib u tisbiħ tal-promenade. Tissebbaħ ukoll il-bajja tal-Għadira b’kollaborazzjoni mal-Gvern, ħaġa li wkoll hija fil-pjani tal-Gvern.

 

Ġonna

Il-ġonna u l-postijiet ta’ rikjreazzjoni jinżammu fi stat tajjeb filwaqt li fejn hu possibli jissebbħu. Postijiet oħra li għadhom mhux żviluppati isirilhom xogħol biex dawn ukoll jissebbħu u jinbidlu f’postijiet ta’ rikreazzjoni għan-nies ta’ l-inħawi. Postijiet bħal dawn jinsabu f’Ta’ Masrija u l-Għoljiet tal-Mellieħa.

 

Toroq f'Santa Marija Estate

Wasal iż-żmien li dawn it-toroq ikunu rranġati kif jixraq, għalhekk il-kunsill jara li jsiru wkoll s-servizzi. Il-Kunsill Lokali jirsisti biex isiru l-bankini u sistema adegwata ta’ street lighting f’din iż-żona.

Trasport Pubbliku

Il-Kunsill Lokali jibda trattattivi ma’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku biex is-servizz ta’ trasport pubbliku minn u lejn il-Mellieħa ikun imtawwal għal aktar tard fil-għaxija

 

Komunita’ Kummerċjali

Kunsill Lokali b'maġġoranza Nazzjonalista jkompli jsaħħah id-djalogu mal-Komunita’ Kummerċjali Melliħija. Dan għax jagħraf l-importanza kruċjali li l-Komunita’ Kummerċjali toffri lill-Mellieħa u lit-turisti li jżuruna b’mod partikulari fix-xhur tas-Sajf.

Ħidma soċjali

Kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jagħmel ħiltu kollha biex isaħħaħ il-valuri tal-poplu Mellieħi. Jibqa’ jgħin lill-għaqdiet kollha li jaħdmu fil-volontarjat. Jagħti spazju liIl-inizjattivi li jieħdu dawn l-għaqdiet u filwaqt li jipparteċipa, ma jkunx ta' xkiel għal dawn l-inizjattivi. Jagħmel dak kollu possibbli biex il-familja Melliħija tibqa’ sħiħa u magħquda b’risq komunita’ dejjem aktar b’saħħita.

Saħħa, Anzjani u Persuni b'diżabbilta’.

Wara ħidma kontinwa mill-Gvern mmexxi mill-Partit Nazzjonalista li tat il-frott, il-bini tad-Dar ta’ L-Anzjani fil-Mellieħa issa sar realta’. Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista jaħdem biex din id-dar isir l-aħjar użu minnha b’risq il-komunita’ Melleħija u biex l-anzjani Melliħin ikollhom l-opportunita’ li jibqgħu jgħixu fil-Mellieħa meta jkollhom bżonn ikunu rikoverati f’xi dar għall-Anzjani. Il-kunsill jaħdem biex fid-Day Centre li hu parti mid-dar għall-anzjani jsiru diversi attivitajiet biex l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jirrikreaw ruħhom fil-ħin liberu tagħhom. Il-Kunsill jara li l-Berġa, li issa ġiet trasferita fil-bini tad-Dar għall-Anzjani tkun użata bl-aħjar mod possibbli billi tibda toffri servizzi oħra fil-qasam tas-saħħa.

 

Bi ftehim mal-Gvern, il-Kunsill jibda joffri servizz ta’ tilqim, ta’ l-insulina kemm fil-berġa kif ukoll fid-djar għal dawk li ma jistgħux joħorġu. Isiru wkoll sessjonijiet ta’ screening għad-dijabetiċi kif ukoll għal min ibati bil-pressjoni jew bi problemi ta’ piż żejjed. Il-Kunsill jkompli bil-proġett ta’ tilqim b’xejn kontra l-influwenza. Il-Kunsill jesplora l-possibbilta’ jekk jiġux estizi s-servizzi tat-tabib u infermiera mill-klinika. Il-Kunsill Lokali jagħmel analiżi, bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa  fuq Community Needs Assessment li bih ikunu indirizzati l-bżonnijiet tal-komunita’ Melliħija mingħajr ma jsir ħela ta’ riżorsi waqt li jsir magħruf kif qed jiżvolġu ċerti xejriet. Issir ukoll evalwazzjoni tal-bżonnijiet biex diversi nies, speċjaliment dawk anzjani, jieħdu l-assistenza u l-appoġġ li jkunu jeħtieġu.

 

Jinħoloq programm ta’ taħriġ għal dawk li jkunu qed jistennew tarbija kif ukoll lill-dawk li jkunu qed irabbu lill-uliedhom, b’attenzjoni  partikulari  lill-gruppi vulnerabbli. Flimkien ma’  entitajiet privati u għaqdiet volontarji, il-kunsill joffri wkoll servizzi ta’ pariri u laqgħat dwar is-saħħa.

Edukazzjoni u Kultura

ll-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jorganizza u jinkoraġġixxi attivitajiet edukattivi u kulturali u li jilħqu lil kulħadd.  Il-Kunsill jibqa’ jiffinanzja attivitajiet kulturali u mużikali li jittelgħu minn għaqdiet Melliħin. Ikompli jsaħħaħ l-attivitajiet edukattivi bħat-tagħlim tal-lingwa Maltija lill-barranin fost l-oħrajn. Ikompli jsaħħaħ Avventura Sajf u jkompli jħajjar għal aktar parteċipazzjoni fil-korsijiet, inklużi dawk ta’ l-I.T. waqt li jassigura l-livell għoli tagħhom. Ma tonqosx ukoll ħidma aktar mill-qrib mal-Kunsill Skolastiku ta’ l-Iskola Primarja tal-Mellieħa f’attivitajiet għat-tfal Melleħin.

 

Għajnuna biex jigi żviluppat it-talent lokali u ħiliet oħra

Il-Kunsill Lokali joffri l-għajnuna tiegħu lil dawk l-għaqdiet u individwi li joffru tagħlim fl-arti, mużika u affarijiet oħra li bihom ikompli jistgħana t-talent lokali. Jagħti spinta wkoll lill-attivitajiet letterarji, xi ħaġa li sa issa ma ngħatatx l-attenzjoni meħtieġa. Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista joffri opportunitajiet u jgħin għaqdiet jiżviluppaw l-ħiliet tal-membri tagħhom.

L-UE u Żgħażagħ 

Kunsill b'maġġoranza Nazzjonalista jgħin fl-inizjattivi li joħolqu ż-żgħażagħ b'risq il-komunita’. Kif ġara fil-passat kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista jaħdem biex jidentifika programmi ta’ l-Unjoni Ewropea fejn il-komunita’ Melliħija u partikolarment ż-żgħażagħ Melliħin jkunu jistgħu jgawdu mill-opportunitajiet kollha li joffru dawn it-tip ta’ programmi. Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista jaħdem biex iġib fondi mill-Unjoni Ewropea għall-iffinanzjar ta’ proġetti kapitali

 

Tisħiħ tal-librerija

Tkompli tissaħħaħ il-Librerija Pubblika li issa tinsab f'idejn il-Kunsill Lokali, wara li kienet devoluta mill-Gvern, b’xiri ta’ aktar kotba b’suġġetti aktar varji li jilħqu l-gosti ta’ kulħadd.

Tisħiħ tal-ġemelaġġ

Jissaħħaħ il-ġemellaġġ mal-bliet tewmija ta' Adenau fil-Ġermanja u Cavriglia fl-Italja biex il-poplu tal-Mellieħa jkun jista’ jieħu l-aħjar benefiċċji minn dawn il-ġemellaġġi. Naraw li bi skambji soċjo-kulturali ma dawn iż-żewġt’ibliet, il-poplu Mellieħi igawdi esperjenzi u opportunitajiet ġodda.

 

Protezzjoni tal-Wirt Storiku

ll-Kunsill Lokali jaħdem biex tingħata aktar protezzjoni lill-wirt storiku li għandna fil-Mellieħa. Titrawwem kuxjenxa dwar l-importanza ta’ l-ambjent rurali li jdawwar ir-raħal tal-Mellieħa billi ma jitħalliex isir żvilupp li mhux sostenibbli jew li jgħarraq is-sbuħija naturali tal-post. Kunsill Lokali b'maggoranza Nazzjonalista jorganizza żjajjar u mixjiet fil-postijiet storiċi ta' madwar ir-raħal, kif ukoll f'postijiet oħra ta' natura ambjentali, li sfortunatament il-poplu ma jafx ħafna dwarhom. Il-kunsill jagħti aktar għarfien lill-għaqdiet volontarji li jieħdu kura ta’ siti storiċi bħalma huma x-xhelters ta’ żmien il-gwerra u t-tunnara.

 

Sport

Il-kunsill jagħmel ħiltu kollha biex bl-għajnuna tal-Gvern Ċentrali jsir użu aħjar mill-art mal-ġenb ta’ l-iskola tal-Mellieħa. Billi jsir studju dwar il-possibbilta’ li jkun żviluppat proġett li jgħin biex fih isiru diversi dixxiplini sportivi li bħalissa m’hawnx fejn jistgħu jkunu prattikati. Jsir użu aħjar mill-bini ta’ l-istess skola waqt l-ħin li l-iskola ma tkunx qed tintuża. Il-kunsill jibqa’ jagħti l-appoġġ kollu tiegħu biex il-kaċċaturi Melliħin ikollhom shooting-range fejn ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport favorit tagħhom. Il-kunsill jgħin lill-għaqdiet sportivi jorganizzaw kompetizzjonijiet sportivi u joffri għajnuna għal dawn il-kompetizzjonijiet. Il-Kunsill Lokali għandu jibda jorganizza attivita’ fejn jingħata unur lill-isportiv Mellieħi tas-sena.

Ordni Pubbliku

Il-kunsill jagħti priorita’ lill-ordni pubblika kif ukoll jara li l-liġijiet u r-regolamenti jkunu osservati. Jerġa’ jagħti l-ħajja s-sistema tan-neighbourhood watch fiż-żoni differenti tal-Mellieħa. Il-kunsill jara li jkun hawn sistema effiċjenti ta’ traffic management billi jsiru tabelli u sinjali tat-traffiku kull fejn meħtieġ u jara li t-traffiku jimxi mingħajr tfixkil.

Aċċessibbilta’

ll-kunsill għandu jagħmel minn kollox biex il-postijiet pubbliċi kollha jkollhom aċċess liberu għal kulħadd b’mod partikulari l-persuni b’diżabbilta’ u l-anzjani.

Proġett ta' afforestazzjoni

Il-gvern nieda proġett ta’ afforestazzjoni Foresta 2000 f`ħafna siti madwar Malta u Għawdex b’waħda mil-lokalitajiet tkun il-Mellieħa fil-limiti ta’ taħt it-Torri l-Aħmar fejn tħawlu 4,000 siġra b`kollaborazzjoni mal-Bird Life u Din l-Art Helwa. Il-kunsill jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu għas-suċċess ta’ dan il-proġett. Il-kunsill ikompli bil-ħidma, flimkien mal-Gvern, fuq il-proġett ta' afforestazzjoni fl-inħawwi ta' Braġ fejn jitħawlu aktar siġar u pjanti endemiċi. Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista jkompli jidentifika aktar postijiet fejn jitħawwlu aktar siġar.

 

Manikata

Għall-inħawi tal-Manikata, kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ il-kumitat magħmul minn residenti ta’ din il-lokalita’. Kunsill Lokali b'maġġoranza ta' kunsillieri eletti f'isem il-Partit Nazzjonalista diġa’ ta prova kif anki l-Manikata marret 'il quddiem bix-xogħlijiet li saru fiha. Kunsill Nazzjonalista jaħdem biex il-Gvern jagħmel ir-restawr meħtieġ fil-Knisja l-Qadima tal-Manikata. Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista joħloq kuxjenza biex fdalijiet preistoriċi fil-Manikata jkunu konservati waqt li jara li jingħataw l-importanza meħtieġa u jkunu esposti għal wiri. B’hekk il-Manikata tieħu s-sehem tagħha fil-qasam turistiku.

 

Konsultazzjoni sħiħa

Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista jemmen li l-poplu għandu x’joffri. Għalhekk, il-kunsill jagħti widen għas-suġġerimenti li l-poplu Mellieħi jista’ joffri u joffri l-ispazji kollha possibbli biex ir-residenti kollha tal-Mellieħa, Santa Marija Estate, il-Manikata, Selmun u l-inħawi tal-madwar jesprimu ruħhom u jwasslu l-kummenti tagħhom.